
Persuni interessati fl-intelliġenza artifiċjali
- Żid mal-favoritiPersuni interessati fl-intelliġenza artifiċjali
- Niżżel

Probabbilment smajt dwar it-teknoloġiji reċenti tal-intelliġenza artifiċjali (IA) bi skop ġenerali, bħal ChatGPT. Sakemm m’intix robot inti stess, aktarx l-potenzjal tal-IA jaffaxxinak jew jixxukkjak.
Filwaqt li l-IA hija mistennija ġġib magħha innovazzjoni u benefiċċji kbar, tqajjem ukoll mistoqsijiet dwar il-kapaċità tagħha li tissostitwina fuq il-post tax-xogħol, dwar id-drittijiet tal-privatezza (bħal pereżempju rigward id-data bijometrika), id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-imputabbiltà u r-responsabbiltà, u t-tħassib dwar il-potenzjal tagħha li xxerred id-diżinformazzjoni.
Hekk kif id-dinja tal-IA qed tinbidel malajr, l-UE qed issegwi l-iżviluppi mill-qrib. Filwaqt li l-IA tista’ ġġib ħafna vantaġġi, il-leġiżlaturi tal-UE huma ħerqana li jsibu bilanċ bejn it-trawwim tal-użu tal-IA u li jaċċertaw li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati. L-UE u l-pajjiżi membri tagħha huma impenjati li jagħtu spinta lill-investiment għar-riċerka, jadattaw is-sistemi edukattivi, u jirriflettu dwar l-etika u l-linji gwida legali.
Filwaqt li tibni fuq ir-regoli eżistenti dwar it-trasparenza u l-użu tad-data personali, fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea bdiet taħdem fuq sett ta’ regoli li jirregolaw l-IA. Dawn ir-regoli, magħrufa bħala l-att dwar l-IA, ikunu l-ewwel leġiżlazzjoni komprensiva tal-UE – u fost l-ewwel fid-dinja – li tirregola l-IA u li tindirizza l-ħsara potenzjali tagħha. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill diġà bdew negozjati dwar il-finalizzazzjoni tal-att.
Sadanittant, x’jiġri jekk is-sistema tal-IA fil-karozza tiegħek tikkawża inċident? Jew jekk l-IA użata mit-tobba twassal għal dijanjożi żbaljata? Biex tindirizza din it-tip ta’ sitwazzjoni, l-UE qed tiżviluppa wkoll regoli dwar l-imputabbiltà għall-IA.
- Għal aktar informazzjoni
Blog posts tal-EPRS dwar l-intelliġenza artifiċjali, https://epthinktank.eu/tag/artificial-intelligence
Is-sit web tal-Parlament Ewropew dwar l-intelliġenza artifiċjali, https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/society/20200918STO87404/l-intelligenza-artificjali-opportunitajiet-u-riskji
Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-intelliġenza artifiċjali, https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/policies/european-approach-artificial-intelligence
EPRS | Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu























