
Ċittadini interessati fl-esplorazzjoni tal-ispazju
- Żid mal-favoritiĊittadini interessati fl-esplorazzjoni tal-ispazju
- Niżżel

Jekk qed tħossok skomdu minħabba l-politika nazzjonali jew it-tibdil fil-klima fid-Dinja, sal-punt li tikkunsidra tmur tgħix fuq pjaneta abitabbli oħra, hemm aħbar tajba għalik – postijiet bħal dawn jaf jeżistu!
Fl-2016, tim internazzjonali mmexxi mir-riċerkatur Belġjan Michaël Gillon, skopra sistema ta’ seba’ pjaneti raggruppati madwar stilla, ’il barra mis-sistema solari tagħna, bl-isem ta’ TRAPPIST 1. Tlieta minn dawn il-pjaneti jinsabu fiż-żona abitabbli ta’ TRAPPIST 1, il-parti madwar stilla li fiha pjaneta mimlija blat jista’ potenzjalment ikun fiha ilma f’forma likwida. Peress li tinsab madwar 40 sena dawl ’il bogħod, is-sistema hija relattivament qrib id-Dinja.
Għad m’hemmx infrastruttura residenzjali u faċilitajiet ta’ childcare, iżda fl-għaxar snin li ġejjin ta’ esplorazzjoni tal-ispazju l-għan huwa li l-bnedmin, mill-Istazzjon Spazjali Internazzjonali (ISS), jittieħdu sal-Qamar, Mars, u lil hinn minnhom.
B’modulu ta’ servizz Ewropew, il-vettura Orion il-ġdida tan-NASA tqiegħdet b’suċċess fl-orbita lunari f’Novembru 2022 matul l-ewwel titjira tal-programm internazzjonali Artemis. Il-missjonijiet futuri ta’ Artemis se jgħinu biex jinbena stazzjon fl-ispazju profond, magħruf bħala Gateway, li jkun jinsab fl-orbita lunari, elf darba aktar ’il bogħod fl-ispazju mill-ISS.
Iffukata fuq il-ġejjieni, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) – li tippromwovi, għal skopijiet esklużivament paċifiċi, il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej fir-riċerka u t-teknoloġija spazjali u l-applikazzjonijiet spazjali tagħhom – ippubblikat pjan direzzjonali ta’ strateġija ġdid. Dan jipprevedi l-involviment Ewropew fil-preżenza umana jew robotika fuq Mars, kif ukoll it-tħejjija għall-esplorazzjoni tal-ispazju profond matul l-għoxrin sena li ġejjin. L-UE regolarment tissieħeb mal-ESA u tikkontribwixxi finanzjament għaliha.
- Għal aktar informazzjoni
Pubblikazzjoni tal-EPRS dwar il-Programm Spazjali tal-UE, https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_BRI(2018)628300
Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti ta’ esplorazzjoni tal-Qamar, https://hadea.ec.europa.eu/news/20-july-international-moon-day-eu-funded-research-projects-reaching-moon-2023-07-19_mt
Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika tal-UE dwar l-ispazju, https://defence-industry-space.ec.europa.eu/eu-space-policy_mt
EPRS | Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu/