
Il-persuni mħassbin dwar it-trattament xieraq tal-ħnieżer
- Żid mal-favoritiIl-persuni mħassbin dwar it-trattament xieraq tal-ħnieżer
- Niżżel

Jekk tiekol il-majjal iżda tagħti kas ukoll it-trattament xieraq tal-annimali li jipprovdulek l-ikel, tieħu pjaċir issir taf li l-Unjoni Ewropea għandha regoli speċifiċi għall-protezzjoni tal-ħnieżer.
Hemm żewġ tipi ta’ ħnieżer li jinżammu fil-farms: il-ħnieżer tal-għalla li jipproduċu l-qżieqeż, u l-ħnieżer tas-simna mrobbija għal-laħam. Biex tevita li annimal jesperjenza problemi ta’ trattament xieraq, l-UE għandha liġijiet stretti. Iż-żamma ta’ ħnieżer tal-għalla fi stalel individwali fejn ma jkunux jistgħu jduru jew jintrabtu mal-art b’katina huwa pprojbit. Wara l-ewwel erba’ ġimgħat tat-tqala, il-ħnieżer tal-għalla jridu jinżammu fi gruppi. Iridu wkoll jingħataw biżżejjed x’jieklu, kemm f’termini ta’ nutrijenti u kaloriji kif ukoll ta’ għalf goff, ħallu jkunu jistgħu jomogħdu u jissodisfaw il-ġuħ tagħhom.
Il-ħnieżer huma naturalment attivi ħafna u jqattgħu l-ġurnata tagħhom jaqilgħu l-ħamrija b’geddumhom, ifittxu għall-ikel u jesploraw. Biex jiġi evitat li jaqbadhom dwejjaq u jkunu stressjati, iridu jingħataw materjali ta’ “arrikkiment” sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw, jilagħbu u jaġixxu skont l-istinti tagħhom. L-UE żviluppat miżuri u materjal edukattiv biex tgħin ħalli l-ħnieżer ma jgħaddux b’mod sistematiku mill-prattika – ipprojbita bil-liġi tal-UE – li jaqtgħulhom denbhom, jaqilgħulhom snienhom parzjalment jew jillimawhomlhom. Il-liġi tal-UE tistabbilixxi wkoll miżuri ta’ spazju minimu u tipprojbixxi l-ftim bikri tal-qżieqeż u ċerti metodi ta’ kastrazzjoni.
Il-liġijiet tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali huma bbażati fuq għarfien espert xjentifiku. L-UE qed tirrevedi l-leġiżlazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Il-pjattaforma tal-UE dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali tiġbor esperti, awtoritajiet pubbliċi u nies mill-industrija u organizzazzjonijiet għat-trattament xieraq tal-annimali biex jiddiskutu kwistjonijiet attwali. Wieħed mill-gruppi ta’ ħidma tagħha jittratta t-trattament xieraq tal-ħnieżer.
- Għal aktar informazzjoni
Il-pubblikazzjoni tal-EPRS dwar il-protezzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali fl-UE, https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_BRI(2023)747131
Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-trattament xieraq tal-ħnieżer., https://food.ec.europa.eu/animals/animal-welfare/animal-welfare-practice/animal-welfare-farm/pigs_mt
Sommarju tal-liġi tal-UE dwar standards minimi għall-protezzjoni tal-ħnieżer, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/LSU/?uri=CELEX:32008L0120
EPRS | Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu























