
Il-koppji tal-istess sess
- Żid mal-favoritiIl-koppji tal-istess sess
- Niżżel

Inti qiegħed f’relazzjoni ma’ persuna tal-istess sess, u forsi anke ġenitur? Probabbilment diġà taf li l-UE għandha wħud mill-aktar liġijiet estensivi kontra d-diskriminazzjoni fid-dinja. L-ugwaljanza u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali huma inkorporati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
Qed taħsibha tmurx toqgħod f’pajjiż ieħor tal-UE? Il-libertà tal-moviment hi dritt fundamentali li jagħti liċ-ċittadini tal-UE u lill-familja tagħhom id-dritt ta’ residenza fl-UE. Iżda l-UE ma tistax tgħaddi liġijiet direttament dwar il-liġi tal-familja, u għad baqa’ differenzi kemm fil-perċezzjonijiet soċjali kif ukoll fil-liġijiet dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u l-adozzjoni ta’ tfal minn koppji tal-istess sess. Permezz tal-ewwel strateġija dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ li qatt kien hawn, l-UE tindirizza l-inugwaljanzi u l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni LGBTIQ, biex b’hekk timxi lejn “Unjoni ta’ ugwaljanza”.
Fil-prattika, il-koppji tal-istess sess jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet meta jippruvaw jiksbu rikonoxximent tal-unjoni tagħhom u tad-drittijiet tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE li ma jirrikonoxxix l-unjoni jew iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess. Pereżempju, koppja miżżewġa f’pajjiż wieħed tal-UE jistgħu jitilfu d-drittijiet marbutin mal-pensjoni, mal-wirt, mal-istatus ta’ qraba jew mal-kustodja tat-tfal meta jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet li l-pajjiżi tal-UE li ma llegalizzawx iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess jeħtiġilhom tal-anqas jirrispettaw id-drittijiet ta’ residenza għall-konjuġi tal-istess sess, kif ukoll jirrikonoxxu r-relazzjoni ta’ familja liż-żewġ ġenituri ta’ tfal f’familji qawsalla.
Il-Parlament Ewropew iddikjara lill-UE bħala “Żona ta’ Libertà LGBTIQ” u appella għal aktar azzjoni sabiex jiġi żgurat li l-koppji tal-istess sess u l-familji tagħhom ikunu jistgħu verament jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-moviment fl-UE kollha.
- Għal aktar informazzjoni
Il-pubblikazzjoni tal-EPRS dwar id-drittijiet għal-libertà tal-moviment tal-familji qawsalla, https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_BRI(2023)749768
Il-pubblikazzjoni tal-EPRS dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI fl-UE, https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_BRI(2023)747896
Il-pubblikazzjoni tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali dwar l-ugwaljanza tal-LGBTI, https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2020-lgbti-equality_en.pdf
EPRS | Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu























