
Tfal vittmi tal-vjolenza
- Żid mal-favoritiTfal vittmi tal-vjolenza
- Niżżel

Sfortunatament, it-tfal għadhom vittmi ta’ abbuż u ta’ vjolenza fl-UE. Għalkemm huwa diffiċli li wieħed jivvaluta d-dimensjoni tal-vjolenza fuq it-tfal, peress li ħafna minnha għadha moħbija, l-istimi eżistenti iqajmu tħassib kbir.
Il-vjolenza kontra t-tfal tista’ tieħu diversi forom (abbuż fiżiku, sesswali jew emozzjonali; traskuraġni tat-tfal) u tista’ sseħħ f’bosta sitwazzjonijiet (id-dar, fl-istituzzjonijiet tal-kura tat-tfal jew fl-iskejjel; fil-familja jew fil-komunità). Billi m’għandhomx maturità fiżika u psikoloġika, it-tfal huma partikolarment vulnerabbli u jeħtieġu l-protezzjoni sabiex jikbru u jiżviluppaw.
Għalkemm is-sistemi għall-protezzjoni tat-tfal huma prinċipalment ir-responsabbiltà tal-gvernijiet individwali, l-UE taqdi rwol importanti, peress li l-azzjonijiet tagħha għandhom impatt dirett fuq il-liġijiet u l-politiki li joħolqu l-pajjiżi tal-UE. L-UE hija impenjata bis-sħiħ li tipproteġi lit-tfal mill-vjolenza. Għal dak il-għan, hija adottat għadd ta’ liġijiet (pereżempju kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali u l-pedopornografija, u kontra t-traffikar tal-bnedmin), u inizjattivi rilevanti (pereżempju internet aktar adegwat għat-tfal).
It-tfal għandhom l-istess drittijiet bħall-adulti minħabba li d-drittijiet tal-bniedem japplikaw għall-gruppi tal-etajiet kollha. B’dan il-ħsieb, l-UE qed tiffinanzja diversi proġetti taħt il-programm tagħha dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri li qed jirriċerkaw kif jistgħu jipproteġu d-drittijiet tat-tfal u jiġġieldu l-vjolenza fuq it-tfal b’mod aktar effettiv.
- Għal aktar informazzjoni
Pubblikazzjoni tal-EPRS dwar id-drittijiet tat-tfal fl-UE, https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_BRI(2022)738223
Pubblikazzjoni tal-EPRS dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_BRI(2022)734703
Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-vjolenza fuq it-tfal, https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/policies/justice-and-fundamental-rights/rights-child/combating-violence-against-children-and-ensuring-child-protection_mt
EPRS | Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu