
L-utenti tal-kards tal-ħlas
- Żid mal-favoritiL-utenti tal-kards tal-ħlas
- Niżżel

Kont taf li t-tranżazzjonijiet bil-kards tal-ħlas huma l-aktar forma mifruxa ta’ ħlas mhux fi flus kontanti fl-UE u jirrappreżentaw total ta’ €2.3 triljun fis-sena? Il-gruppi kriminali organizzati spiss jimmiraw għal dawn it-tranżazzjonijiet, u jagħmlu madwar €1.5 biljun fis-sena mill-frodi bil-kards tal-ħlas. Il-vittmi jiffaċċjaw mhux biss telf finanzjarju iżda ħafna drabi serq tal-identità, billi l-kriminali jużawlhom id-dettalji personali tagħhom (jiġifieri informazzjoni bħall-isem, id-data tat-twelid u n-numri tal-kont) biex jaċċessaw il-fondi tagħhom.
Il-frodi b’kards tal-ħlas u l-frodi fl-operazzjonijiet bankarji online, kif ukoll is-serq tal-identità, qed jinkwetaw dejjem iżjed lin-nies fl-UE. Il-kriminali għandhom it-tendenza li jużaw tekniki multipli, bħall-iskimming (id-duplikazzjoni tal-istrixxa manjetika ta’ kard) jew l-abbuż mit-terminals fil-punti tal-bejgħ, filwaqt li jadattaw u jadottaw malajr teknoloġiji ġodda. Hekk kif qed jinfirex l-użu aktar sigur ta’ kards ta’ kreditu biċ-ċippa inkorporata, il-kriminali qegħdin dejjem aktar jiffavorixxu l-frodi fejn il-kard ma tkunx fiżikament preżenti.
L-UE ħadet miżuri preventivi u dissważivi biex tipproteġi lill-pubbliku. Fl-2019, aġġornat il-liġi tagħha dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ ħlas mhux fi flus kontanti, sabiex tadatta għall-iżviluppi ġodda mil-lat kriminali. L-aġġornament wessa’ l-liġi biex tinkludi pagamenti elettroniċi, tejjeb l-assistenza disponibbli għall-vittmi, u għen fil-prevenzjoni tal-frodi fuq l-internet u l-kompjuter. B’riżultat ta’ dan, il-frodi tal-kards fl-Ewropa naqset b’mod partikolari f’dawn l-aħħar snin. Ir-regoli tal-UE dwar is-servizzi ta’ pagament, applikabbli mill-2018, għenu biex it-tranżazzjonijiet ta’ pagament isiru aktar siguri u jtejbu d-drittijiet tal-konsumatur. Fl-2023, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tirrevedi dawn ir-regoli biex tiġġieled aħjar il-frodi u tkompli ttejjeb il-protezzjoni tiegħek meta tħallas bil-kard.
- Għal aktar informazzjoni
Il-pubblikazzjoni tal-EPRS dwar ir-reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi ta’ pagament, https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_BRI(2023)747447
Il-pubblikazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-frodi tal-kards fl-Ewropa, https://www.ecb.europa.eu/pub/cardfraud/html/ecb.cardfraudreport202305~5d832d6515.mt.html
Is-sit web tal-Europol dwar it-twissija ta’ prevenzjoni kontra l-frodi b’kards tal-ħlas, https://www.europol.europa.eu/activities-services/public-awareness-and-prevention-guides/payment-card-fraud-prevention-alert
EPRS | Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu