
Il-Priġunieri
- Żid mal-favoritiIl-Priġunieri
- Niżżel

Kont taf li n-numru ta’ priġunieri fl-UE kien ta’ kważi 464,000 fl-2020, u li 5.2% minnhom kienu nisa? Filwaqt li t-trattament tal-priġunieri huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu kwistjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-gvern tal-pajjiż fejn ikunu miżmuma, l-UE qed tieħu passi biex tiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-priġunieri jkunu sodisfaċenti. Minbarra li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, dawn l-azzjonijiet jgħinu fil-promozzjoni tal-fiduċja u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-pajjiżi.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija legalment vinkolanti fil-pajjiżi kollha tal-UE. Bis-saħħa ta’ dan, il-priġunieri jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Karta quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. L-UE għandha regoli dwar it-trasferiment ta’ persuni misjuba ħatja lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, dwar alternattivi għad-detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-kawża u l-kustodja, dwar kif jiġi ffaċilitat il-ħelsien bikri, u dwar il-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tas-suspettati u tal-akkużati. Lil hinn mill-UE, il-Kunsill tal-Ewropa (organizzazzjoni internazzjonali involuta fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem) adotta r-Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet, li japplikaw fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, għad hemm differenzi sinjifikanti bejn il-pajjiżi tal-UE. Il-Parlament Ewropew ripetutament esprima allarm dwar il-popolazzjoni eċċessiva fil-ħabsijiet, it-trattament ħażin tal-priġunieri u l-użu sistematiku ta’ detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-kawża, u regolarment isejjaħ biex id-drittijiet tad-detenuti jkunu rrispettati. L-UE tieħu azzjoni biex tippromwovi l-kondiviżjoni tal-għarfien u biex ittejjeb il-professjonalità tal-impjegati tal-ħabsijiet. Azzjonijiet oħrajn tal-UE biex ittejjeb il-ħajjiet tal-priġunieri, iżżid is-sigurtà u s-sikurezza pubblika u tnaqqas ir-reċidiva jinkludu l-finanzjament tal-edukazzjoni u ta’ taħriġ vokazzjonali fil-ħabsijiet, u l-proġetti ta’ deradikalizzazzjoni u riabilitazzjoni.
- Għal aktar informazzjoni
Il-pubblikazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħabsijiet u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/IPOL_STU(2023)741374
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-drittijiet tas-suspettati, https://commission.europa.eu/document/b59ddb88-b9c3-420c-98d5-622807f8729b_mt
Il-pubblikazzjoni tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2019-criminal-detention-conditions-in-the-eu_en.pdf
EPRS | Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu