
L-utenti tal-internet li għandhom ’il fuq minn 65 sena
- Żid mal-favoritiL-utenti tal-internet li għandhom ’il fuq minn 65 sena
- Niżżel

It-teknoloġija saret parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum: mhux biss biex nixtru u nħallsu l-kontijiet iżda wkoll biex nikkomunikaw mal-familja fost l-oħrajn. Il-litteriżmu diġitali sar ħila essenzjali tal-ħajja, u għalhekk ikollna kemm ikollna żmien huwa importanti li dawn il-ħiliet inżommuhom aġġornati. Minbarra li jgħinuk iżżomm kuntatt fis-soċjetà tagħna li qed tinbidel b’rata mgħaġġla, hemm evidenza kbira ħafna tal-benefiċċji tat-tagħlim f’età aktar avvanzata – speċjalment mil-lat ta’ saħħa.
L-UE tagħraf dan u b’hekk tappoġġja miżuri mmirati lejn it-titjib tal-ħiliet diġitali għal kulħadd. Għadd ta’ politiki u programmi ġenerali tal-UE li huma marbutin mat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, jew ICT, jagħtu appoġġ lill-anzjani. U minħabba li Ewropew wieħed minn kull tlieta se jkollu aktar minn 65 sena sal-2060 (meta mqabbel ma’ wieħed minn kull ħamsa fl-2022), l-UE nediet strateġija ta’ “ekonomija tal-anzjani” biex tindirizza b’mod speċifiku l-ħtiġijiet u t-talbiet tal-anzjani.
Il-liġi tal-UE tiżgura li kemm is-siti web tal-amministrazzjoni privata kif ukoll dik pubblika u l-apps tal-mowbajl jkunu faċli biex jintużaw mill-anzjani. Dan isir b’test, immaġni, formoli u navigazzjoni aċċessibbli u li jinftiehmu. Tiżgura wkoll li l-kompjuters u l-ismartphones ikunu ddisinjati u magħmula biex kemm jista’ jkun ikunu faċli biex jintużaw mill-anzjani.
L-UE tiffinanzja wkoll proġetti ta’ riċerka dwar l-anzjani u l-ICT, bħall-IDEAHL, bil-għan li hekk kif nikbru fl-età jgħinuna billi jippromwovu l-litteriżmu diġitali fis-saħħa. Il-programm tal-għajxien attiv u assistit tal-UE jiżviluppa teknoloġiji diġitali li jippermettulek tgħix fejn tixtieq għal perjodu itwal. Is-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar l-anzjanità attiva u b’saħħitha tiffaċilita l-komunikazzjoni u tipprovdi informazzjoni dwar għajxien attiv u b’saħħtu u l-użu ta’ għodod diġitali jkollna kemm ikollna żmien.
- Għal aktar informazzjoni
Il-pubblikazzjoni tal-EPRS “Demographic Outlook for the European Union 2022” (Prospettiva Demografika għall-Unjoni Ewropea 2022), https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_STU(2022)729461
Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ekonomija tal-anzjani, https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/growing-silver-economy-europe
Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni tal-aċċessibbiltà, https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1485&langId=mt
EPRS | Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu