
Il-ħaddiema fil-katina tal-produzzjoni tal-Cognac
- Żid mal-favoritiIl-ħaddiema fil-katina tal-produzzjoni tal-Cognac
- Niżżel

Jekk inti wieħed jew waħda mis-17,000 persuna involuti fil-produzzjoni tal-Cognac, probabbilment taf li biex jissejjaħ “Cognac”, brandy irid ikun ġie prodott f’reġjun partikolari.
Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE adottata fl-2008, “Cognac” hija indikazzjoni ġeografika (IĠ). Dan ifisser li jekk brandy se jinbiegħ fl-UE bħala “Cognac”, l-għeneb irid ikun tkabbar f’żona limitata li tkopri d-département Franċiż ta’ Charente-Maritime, u partijiet minn Charente, Deux-Sèvres u Dordogne. Sadanittant, il-produzzjoni trid tikkonforma ma’ speċifikazzjonijiet u linji gwida stretti li jikkonċernaw it-tip ta’ għeneb, il-proċess tad-distillazzjoni, u l-ħżin u l-maturazzjoni.
Barra mill-UE, il-brandy prodott lokalment ħafna drabi xorta għadu jinbiegħ bl-isem qarrieqi ta’ “Cognac”. Biex tħares aħjar l-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-livell internazzjonali, u għaldaqstant iżżid il-bejgħ ta’ prodotti awtentiċi Ewropej, l-UE tiffoka fuq din il-kwistjoni fin-negozjati kummerċjali mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni. L-UE kkonkludiet ftehimiet ta’ kummerċ ħieles li jinkludu livelli importanti ta’ protezzjoni għall-IĠ, inkluż il-Cognac, ma’ diversi pajjiżi. Barra minn hekk, l-UE ffinanzjat 80% ta’ kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-Bureau National Interprofessionnel du Cognac (BNIC), immirata lejn is-swieq Amerikani u Ċiniżi. Il-kampanja, li baqgħet għaddejja sal-2020, kellha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-IĠ għall-prodotti ta’ kwalità fost l-importaturi, id-distributuri, il-persunal li jaħdem fil-barijiet u l-ġurnalisti.
Dawn l-isforzi kellhom sehem kbir biex irriżulta li l-esportazzjonijiet tal-Cognac prattikament irdoppjaw fil-volum matul dawn l-aħħar għoxrin sena u b’hekk żdiedet is-sigurtà tal-impjiegi f’dan is-settur u nħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi.
- Għal aktar informazzjoni
Sommarju tal-liġi tal-UE dwar l-oriġini ġeografika tax-xorb alkoħoliku, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=LEGISSUM%3A4399785
Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, https://policy.trade.ec.europa.eu/enforcement-and-protection/protecting-eu-creations-inventions-and-designs/geographical-indications_mt
Is-sit web tal-Bureau National Interprofessionnel du Cognac (BNIC), https://www.cognac.fr/en/bnic/home
EPRS | Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu