
Il-missirijiet
- Żid mal-favoritiIl-missirijiet
- Niżżel

Meta l-missirijiet jieħdu l-leave biex jieħdu ħsieb lit-tfal tagħhom, tgawdi l-familja kollha. Ir-riċerka turi li hemm rabta bejn l-ammont ta’ ġranet ta’ leave li jieħu missier, u kemm huma jħossuhom sodisfatti bir-relazzjoni tagħhom ma’ wildhom. Meta t-tfal iqattgħu aktar ħin ma’ missierhom, dan ikun ta’ benefiċċju anki għall-iżvilupp tagħhom. Meta ż-żewġ ġenituri jiġu involuti fl-indukrar tat-tfal, dan jgħin biex jintlaħaq livell ġenerali ta’ ugwaljanza bejn is-sessi minħabba li n-nisa jkollhom aktar flessibbiltà biex jieħdu deċiżjonijiet dwar jekk ikollhomx tfal u/jew dwar jekk ikomplux bil-karrieri tagħhom.
Minkejja dan, il-missirijiet jieħdu ħafna inqas leave tal-ġenituri milli jistgħu. L-UE trid tibdel din is-sitwazzjoni, u qiegħda taħdem biex tħeġġeġ lill-irġiel jieħdu aktar opportunitajiet biex jinvolvu ruħhom fil-kura tal-familji tagħhom.
Bis-saħħa ta’ liġi ġdida tal-UE, il-missirijiet issa jistgħu jieħdu mill-inqas għaxart ijiem ta’ leave tal-paternità fiż-żmien tat-twelid tat-tarbija tagħhom, u ta’ dawn il-ġranet jiġu kkumpensati mill-inqas bir-rata tal-benefiċċju tal-mard. Kull omm u missier fil-pajjiżi kollha tal-UE għandhom dritt għal mill-inqas erba’ xhur leave tal-ġenituri. Filwaqt li f’ċerti sitwazzjonijiet, ġenitur minnhom jista’ “jagħti” l-leave lill-ieħor, skont il-liġi l-ġdida xahrejn mil-leave ta’ kull ġenitur ma jistgħux jiġu ttrasferiti. L-għan hu biex inħeġġu lill-missirijiet jieħdu aktar leave tal-ġenituri.
Forsi inti missier li tixtieq tqatta’ aktar ħin ma’ familtek, iżda tinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw għall-karriera tiegħek. B’xorti tajba, l-UE tiggarantixxi l-protezzjoni tal-impjieg waqt u wara l-leave, kif ukoll protezzjoni minn diskriminazzjoni meta tieħu l-leave tal-ġenituri. Dan ifisser li l-missirijiet li jieħdu leave biex iqattgħu żmien mal-familja tagħhom huma intitolati li jirritornaw fl-istess impjieg jew f’impjieg ekwivalenti.
- Għal aktar informazzjoni
Il-pubblikazzjoni tal-EPRS “Maternity, paternity and parental leave in the EU” (Il-maternità, il-paternità u l-leave tal-ġenituri fl-UE), https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_BRI(2017)599323
L-Orarju tat-Tren Leġiżlattiv tal-Parlament Ewropew dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, https://www.europarl.europa.eu/legislative-train/theme-new-boost-for-jobs-growth-and-investment/file-new-start-for-working-parents
Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/gender-equality_mt
EPRS | Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, https://epthinktank.eu