Taħt il-lenti

Kun af kif l-UE qed tibni Ewropa aħjar għalik
Taħt il-lenti
Kun af kif l-UE qed tibni Ewropa aħjar għalik
 Ritratt meħud minn fuq ta’ diversi idejn iżommu mudell ta’ dinja ħadra.

Nindirizzaw it-tibdil fil-klima

  • Żid mal-favoritiNindirizzaw it-tibdil fil-klima
  • Niżżel 
 Ritratt meħud minn fuq ta’ diversi idejn iżommu mudell ta’ dinja ħadra.
© Deemerwha studio / Adobe Stock.

Il-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) li s-soċjetà tagħna temetti kuljum għandhom rwol ewlieni fit-tibdil tal-klima globali. Mir-rivoluzzjoni industrijali sal-lum il-ġurnata, it-temperaturi globali medji żdiedu b’mod sinifikanti, madwar 1.13 sa 1.17°C, u l-aħħar għaxar snin kienu l-aktar sħan li qatt ġew irreġistrati. Fl-Ewropa, it-temperaturi medji żdiedu aktar: bejn 2.04 u 2.10°C. Iż-żieda fit-temperaturi globali medji żżid mal-evidenza ta’ tibdil fil-klima globali rapidu, inklużi oċeani aktar sħan u aktar aċidużi, livelli tal-baħar li qed jogħlew, saffi tas-silġ li qed jiċkienu u silġ tal-baħar Artiku li qed jonqos, kif ukoll glaċieri li qed jirtiraw u aktar avvenimenti estremi tat-temp.

X’tista’ tagħmel l-UE?

L-UE kellha rwol attiv fit-taħditiet dwar il-klima fin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u hija parti mill-Ftehim ta’ Pariġi, bħalma huma l-pajjiżi kollha tal-UE. L-UE tippromwovi l-ambizzjoni globali dwar l-azzjoni klimatika fil-konferenzi tan-NU dwar it-tibdil fil-klima (COP).

Fl-UE, in-nirien reċenti fil-foresti fil-Greċja u fi Spanja, l-għargħar fis-Slovenja u fil-Bulgarija kif ukoll in-nixfa fil-Punent tal-Mediterran kollha huma attribwiti għat-tibdil fil-klima.

Biex tgħin lill-gvernijiet tal-UE jnaqqsu l-emissjonijiet li jikkawżaw il-problemi u jiġġieldu t-tibdil fil-klima, l-UE integrat l-azzjoni klimatika fil-politiki kollha tagħha. Filwaqt li l-UE qed timmira għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, fl-istess ħin jeħtieġ li tiżgura li l-ekonomija tagħna tibqa’ b’saħħitha u prosperuża. Sal-2020, l-UE rnexxielha tkabbar l-ekonomija tagħha kif ukoll tilħaq il-miri tagħha fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

X’għamlet l-UE s’issa?

Fid-dawl tal-impatt dejjem akbar tat-tibdil fil-klima madwar l-Ewropa, il-Parlament Ewropew iddikjara emerġenza klimatika fi tmiem l-2019. Il-mexxejja tal-UE adottaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew u, permezz tiegħu, bdew jaħdmu fuq proposti għal diversi liġijiet ġodda u riveduti. F’Ġunju 2021, il-Liġi Ewropea dwar il-Klima stabbiliet il-miri klimatiċi vinkolanti tal-UE għall-2030 għal tnaqqis ta’ 55% tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u b’hekk żieded l-ambizzjoni stabbilita skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Barra minn hekk, stabbiliet tali miri għan-newtralità klimatika wkoll (jew l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra “żero netti” billi jitnaqqsu jew jiġu kkumpensati l-emissjonijiet) sal-2050.

Firxa ta’ leġiżlazzjoni ġdida u riveduta tal-UE timmira setturi bħat-trasport, il-bini u l-enerġija, fost oħrajn. Pereżempju, l-UE stabbiliet regoli ġodda għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS – sistema li tibbilanċja l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-ġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana, l-installazzjonijiet industrijali u l-avjazzjoni fl-Ewropa). L-UE ddeċidiet li tespandi din is-sistema biex tkopri l-emissjonijiet mis-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq (ETS II) mill-2027, u introduċiet fond soċjali għall-klima biex jittaffa l-impatt li se jħallu fuq il-komunità l-bidliet konsiderevoli li l-industrija se jkollha tagħmel.

Flimkien mal-gvernijiet nazzjonali, l-UE u l-Bank Ewropew tal-Investiment taw prijorità lill-appoġġ finanzjarju biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima madwar id-dinja, u kkontribwew biljuni ta’ euro biex jgħinu lill-ekonomiji li qed jiżviluppaw madwar id-dinja. Mill-2021 sal-2027, 30% tal-baġit tal-UE se jintefaq fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u biljuni oħra se jintefqu fuq objettivi relatati mal-klima taħt il-fondi ta’ rkupru stabbiliti biex jindirizzaw l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19. Il-Fond għall-Innovazzjoni tal-UE jipprovdi finanzjament għal proġetti innovattivi li jiffukaw fuq l-enerġija u l-industrija.

Flimkien, il-pajjiżi tal-UE huma impenjati mhux biss li jimmitigaw it-tibdil fil-klima iżda wkoll li jadattaw għalih. Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ħolqu l-pjattaforma Climate-Adapt. Din kontinwament tiġbor u tikkondividi data dwar it-tibdil fil-klima mistenni fl-Ewropa, il-vulnerabbiltajiet attwali u futuri, kif ukoll l-istrateġiji u l-għażliet għall-adattament.

X’inhuma l-isfidi li jmiss?

Bl-impatt dejjem jikber tat-tibdil fil-klima fuq il-ħajja tagħna lkoll, se jkollna nindirizzaw il-konsegwenzi dejjem aktar devastanti. L-UE se tkompli tuża l-pjattaformi eżistenti (eż. Climate-Adapt u s-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Art ta’ Copernicus) biex timmonitorja l-effetti tat-tibdil fil-klima, biex b’hekk issib l-aktar mod effiċjenti u effettiv biex tindirizzahom. L-UE se tkompli tappoġġja proġetti innovattivi u tfittex soluzzjonijiet ġodda ta’ finanzjament għall-klima, kif ukoll tiżviluppa dawk li jinsabu diġà fis-seħħ, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak globali. L-UE se tkun qed tikkontribwixxi għad-djalogu miftuħ bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE, il-gvernijiet lokali u reġjonali, iċ-ċittadini, l-industrija, il-bdiewa u s-sidien tal-foresti. Dan se tagħmlu biex tiżgura li l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew twassal għal leġiżlazzjoni li tipproteġina lkoll mill-effetti tat-tibdil fil-klima.

Kun af kif l-UE qed tibni Ewropa aħjar għalik