
Insibu triq għal futur aħjar
- Żid mal-favoritiInsibu triq għal futur aħjar
- Niżżel

Ir-riċerka hija essenzjali biex insibu soluzzjonijiet ġodda ħalli ntejbu ħajjitna u niffaċċjaw l-isfidi tad-dinja tal-lum. Matul is-snin, il-pajjiżi tal-UE rnexxielhom jiżviluppaw flimkien politika komuni biex jinkoraġġixxu r-riċerka u l-innovazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ dixxiplini, bl-għan li jsiru mexxejja globali fl-iskoperta xjentifika. L-UE tipprovdi finanzjament konsiderevoli biex tagħti spinta lir-riċerka u dan l-appoġġ kien kruċjali għall-kondiviżjoni tal-għarfien u s-soluzzjonijiet għall-isfidi globali, bħall-pandemija tal-COVID-19 jew il-bidla lejn soċjetà aktar diġitali u ekoloġika. Parzjalment bis-saħħa tal-isforzi tal-UE, illum hemm aktar minn żewġ miljun riċerkatur attiv fl-Ewropa.
X’tista’ tagħmel l-UE?
L-UE u l-gvernijiet nazzjonali tagħha jaqsmu r-responsabbiltà għat-tisħiħ tax-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa, li min-naħa tiegħu dan iwassal għal negozji aktar kompetittivi u soluzzjonijiet aħjar fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dan jagħmluh billi jiżviluppaw żona ta’ riċerka Ewropea mingħajr fruntieri li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija jiċċirkolaw liberament. Min-naħa tagħha, l-UE s’issa ffokat l-isforzi tagħha fuq it-tisħiħ tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE.
Programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni jrawwem il-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet xjentifiċi , l-industrija u s-soċjetà ċivili tal-UE, billi jipprovdi appoġġ finanzjarju għal attivitajiet transnazzjonali. L-UE mistennija tonfoq biljuni ta’ euro bejn l-2021 u l-2027 fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa biex tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp mir-riċerka bażika, għar-riċerka applikata u l-innovazzjoni. Taħt il-programm preċedenti, is-suċċessi kienu jinkludu l-appoġġ għall-ħidma tal-Professur Uğur Şahin, fundatur u CEO ta’ BioNTech, il-kumpanija li żviluppat wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID‑19. Minbarra l-investiment, l-UE tħeġġeġ ukoll lir-riċerkaturi biex jikkondividu prattiki tajbin madwar l-UE. Dan jgħin biex ir-riċerkaturi u l-għarfien tagħhom jiċċaqalqu liberament madwar l-UE u jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istadji kollha tal-karrieri akkademiċi. L-UE tiżgura li x-xjenza miftuħa u d-data miftuħa jingħataw prijorità fl-edukazzjoni u r-riċerka. Barra minn hekk, hija tingrana d-diġitalizzazzjoni tax-xjenza biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien bejn u lil hinn mil-laboratorju.
X’għamlet l-UE s’issa?
Sa minn nofs is-snin tmenin, il-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni offrew lil bosta riċerkaturi l-opportunità biex itejbu l-ħiliet u l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni tagħhom billi jinvolvu ruħhom fi proġetti lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom. B’mod partikolari, dan huwa l-każ għal aktar minn 100,000 riċerkatur li rċevew il-finanzjament tal-programm Marie Skłodowska Curie, biex jagħtu spinta lit-taħriġ u l-karrieri inizjali tagħhom billi jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor biex japprofondixxu l-proġett xjentifiku tagħhom. Sa mill-2007, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka appoġġja wkoll aktar minn 14,000 proġett ta’ riċerka individwali riskjuż u potenzjalment rivoluzzjonarju f’40 pajjiż. S’issa, fost ir-rebbieħa, 12 minnhom ingħataw il-Premju Nobel. Filwaqt li rebbieħa oħra kellhom rwol importanti biex nifhmu l-COVID‑19 u nfasslu r-rispons mediku.
X’inhuma l-isfidi li jmiss?
Sfidi globali bħall-kriżi klimatika jew kwistjonijiet transkonfinali tas-saħħa, jeżiġu kooperazzjoni internazzjonali sinifikanti. Fil-futur, il-kapaċità tal-UE li trawwem il-kooperazzjoni biex tippromwovi l-għarfien bħala ġid pubbliku dinji jeħtieġ li tiġi assoċjata mal-kapaċità tagħha li tiżgura li l-UE tkun tista’ tkampa b’mod awtonomu jekk ikun meħtieġ – mingħajr ma teskludi l-kooperazzjoni meta jkun possibbli, b’mod partikolari permezz ta’ rabtiet ma’ riċerkaturi f’pajjiżi mhux tal-UE.
- Għal aktar informazzjoni
Il-briefing tal-EPRS: Upcoming interim evaluation of Horizon Europe (L-evalwazzjoni interim li jmiss tal-programm Orizzont Ewropa)
Il-Kummissjoni Ewropea: Horizon Europe (Orizzont Ewropa)































